Previous slide
Next slide

In-numru tan-notifika 318 li deher fil-Gazzetta tal-Gvern fis-7 ta’ Lulju 1961 iddikjara dan li ġej: Huwa hawnhekk notifikat għal informazzjoni ġenerali li ċ-ċentru Komunitarju ġdid f’ Tarxien, li huwa mdawwar b’ mod wiesa’ mil-lvant bil-bypass Tarxien u fit-Tramuntana bil-bypass Luqa għandu jieħu l-isem ta’ “Santa Lucia” wara l-kappella antika li tinsab fil-qrib.

B’ hekk inħoloq l-isem ta’ din il-Komunita’ ġdida li l-parti l-kbira tagħha ttieħdet minn Tarxien u wara ħafna argumenti dwar jekk il-post għandux jitqies bħala parti ġdida ta’ lokalita’ aktar qadima jew jekk kellux jitqies bħala belt jew raħal modern fih innifsu. Il-qasam fejn inħolqot din il-Komunita’ ġdida sa ftit snin wara t-tieni Gwerra Dinjija ma kien xejn aktar minn ftit oqsma. Dawn kienu jospitaw il-fabbriki tal-logħob tan-nar ta’ Tarxien u tal-Gudja. Fl-1955 kienu qed jitfasslu pjanijiet għal din iż-żona u kien beda l-bini tal-ewwel appartamenti. L-ewwel appartamenti nkrew fit-8 ta’ Jannar 1966 u fit-2 ta’ Marzu ta’ dik l-istess sena, l-ewwel familja marret tgħix f’ appartament f’ Santa Luċija. Fi żmien qasir, il-Komunita` bdiet tifforma lilha nnifisha. Illum għandha popolazzjoni ta’ 3500 resident.